Skont l-informazzjoni ppubblikata mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), diversi pajjiżi Ewropej esperjenzaw sfidi relatati mal-provvista u d-disponibbiltà ta' vaċċini kontra l-influwenza staġjonali, minħabba restrizzjonijiet fil-manifattura, il-katina tal-provvista u d-distribuzzjoni.
Fil-każ ta' Malta, minkejja li kien ġie konkluż il-proċess ta' sejħa għall-offerti għall-provvista tal-vaċċin kontra l-influwenza bħalma jsir ta kull sena, il-kumpanija li rebħet is-sejħa għall-offerti ma setgħetx twassal il-kwantitajiet meħtieġa fiż-żmien meħtieġ biex il-programm nazzjonali ta' tilqim jibda skont il-bżonn.
Quddiem din is-sitwazzjoni, id-Deputat Prim Ministru u l-awtoritajiet tas-saħħa ħadu passi immedjati biex jassiguraw li l-popolazzjoni tibqa' protetta u ġew esplorati u implimentati arranġamenti alternattivi ta' akkwist sabiex jiġu assigurati biżżejjed dożi tal-vaċċini. Minkejja d-diffikultajiet internazzjonali fil-provvista. Bis-saħħa ta' dawn il-miżuri, Malta rnexxielha takkwista l-vaċċini meħtieġa għall-programm nazzjonali ta' tilqim kontra l-influwenza, filwaqt li żgurat il-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli u tal-popolazzjoni inġenerali kontra l-effetti tal-influwenza staġjonali.
Mal-wasla tal-provvista f'pajjiżna aktar kmieni llum, id-Deputat Prim Ministru saħaq li dan kien possibbli biss bis-saħħa tar-relazzjonijiet u kuntatti internazzjonali b'saħħithom li għandna. Dawn ippermettew li din l-isfida tissolva bla konsegwenzi f'pajjiżna fl-iqsar żmien possibbli, minkejja li bosta pajjiżi oħra għadhom qed jiffaċċjawha, b'limitazzjonijiet jew dewmien fil-proċess tat-tilqim.
“Kif bosta kienu mgħarrfa, madwar id-dinja hemm problema bil-provvista tal-vaċċin kontra l-influwenza. L-importaturi tal-vaċċin tagħna wkoll infurmana li ma setax iwassal il-vaċċin qabel Jannar li ġej, meta jkun tard wisq. Għalhekk intervjenejt permezz ta' kuntatti u relazzjonijiet fl-Italja sabiex niżguraw li jkollna l-vaċċin f'waqtu. Bis-saħħa ta' din il-kooperazzjoni, solvejna s-sitwazzjoni u fi ftit ġranet biss waslet il-konsenja. Issa nħarsu 'l quddiem biex, meta jkun il-waqt, inwasslu dan il-vaċċin lill-poplu tagħna permezz tal-programm ta' outreach."
Bħas-snin preċedenti, il-vaċċin kontra l-influwenza se jkun offrut fl-aktar perjodu xieraq sabiex jiġi massimizzat il-livell ta' protezzjoni matul l-istaġun tal-influwenza. Id-data tal-bidu tal-kampanja titfassal fuq il-bażi tal-monitoraġġ epidemjoloġiku kontinwu u l-andament mistenni tal-influwenza, sabiex il-popolazzjoni tkun protetta fil-mument meta r-riskju ta' trasmissjoni jkun l-ogħla.
Għalhekk, il-programm nazzjonali ta' tilqim huwa ppjanat li jibda fil-perjodu bejn l-aħħar ta' Ottubru u l-bidu ta' Novembru, f'konformità mal-prattika segwita fis-snin li għaddew.
Dan l-approċċ jiżgura li l-immunità tkun fl-aqwa tagħha matul il-perjodu tal-ogħla attività tal-virus tal-influwenza. Aktar dettalji dwar id-dati, il-postijiet fejn se jingħata l-vaċċin se jitħabbru fil-kampanja nazzjonali ta' informazzjoni dwar it-tilqim li se titnieda fil-ġimgħat li ġejjin.
Id-Deputat Prim Ministru jinkoraġġixxi wkoll lill-pubbliku biex jieħu l-vaċċini rakkomandati, inkluż il-vaċċin kontra l-influwenza, peress li t-tilqim jibqa' l-aktar mezz effettiv u sigur biex wieħed jipproteġi lilu nnifsu, lill-familja tiegħu u lill-komunità minn mard li jista' jwassal għal kumplikazzjonijiet serji.